Imut qassis Żebbuġi bil-coronavirus

Il-qassis Żebbuġi Fr Alfred Agius miet bil-coronavirus. Huwa kellu 70 sena.

Kien qed jikseb kura fir-Residenza San Vinċenz de Paule, fejn fis-17 ta’ Novembru rriżulta fil-pożittiv għall-Covid-19.

Apparti mis-snin twal, aktar minn 40 sena, li qatta’ bħala saċerdot djoċesan fil-Parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ, raħal twelidu, Dun Alfred kien jaħdem ukoll fil-Ministeru tal-Edukazzjoni. Sal-1980 huwa kien jaħdem mas-Salesjani ta’ Don Bosco.

Il-funeral tiegħu se jsir għada fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ fit-3pm. Il-quddiesa se tixxandar fuq il-paġna tal-Parroċċa ta’ Ħaż-Żebbuġ fuq Facebook.

B'sogħba kbira l-President u l-Kumitat irċevew l-aħbar li għadu kemm ħalliena Dun Alfred Agius. Dun Alfred kulħadd jafu…

Posted by 12th May Band & Social Club on Wednesday, November 25, 2020

L-Arċipriet ta’ Ħaż-Żebbuġ Fr Daniel Cardona ħeġġeġ liż-Żebbuġin biex jitolbu għal Dun Alfred.

Is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ Malcolm Paul Galea rringrazzjah tas-servizz li ta lir-raħal tul is-snin.

Grazzi Dun Alfred tas-servizz li dejjem provdejt lil Ħaż Żebbuġ.Strieħ fis-sliem.Kondoljanzi lil familja kollha.

Posted by Tabib Malcolm Paul Galea on Wednesday, November 25, 2020

Ftit tal-ħin ilu, il-Ministeru tas-Saħħa ħabbar tliet imwiet oħra bil-Covid-19, biex it-total ta’ mwiet tela’ għal 125. Dan in-numru, iżda, ma jinkludix lis-saċerdot Fr Alfred Agius.