Imut priġunier fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Aġġornat 09:22 AM
Miguela Xuereb

Read in English.

L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi ħabbret dalgħodu li nstab priġunier mejjet fiċ-ċella tiegħu.

Fi stqarrija kien spjegat li r-raġel ta’ 45 sena u ta’ nazzjonalità Maltija, instab mejjet għall-ħabta tas-6.45am illum. Qalet li r-raġel jidher li miet mewta naturali.

Dwar il-każ ġew infurmati l-pulizija tad-distrett filwaqt li nħatret inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat tal-Għassa.

F’Awwissu li għadda fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kien hemm żewġ attentati ta’ suwiċidju. Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt mill-Ministeru għall-Intern.

XI żvela Newsbook.com.mt?
2 attentati ta’ suwiċidju fil-ħabs

“Spjegazzjoni ta’ x’wassal għall-mewt fl-interess tal-pubbliku” – PN

Intant, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern Beppe Fenech Adami qal li huwa fl-interess tal-pubbliku li tingħata spejgazzjoni għal x’wassal għall-mewt tal-priġunier ta’ 45 sena. Sostna li din hija mewta oħra li tiżdied ma’ numru oħrajn li kien hemm fl-aħħar xhur

Appella li f’isem it-trasparenza, il-kontabbiltà u s serħan tal-moħħ tal-priġunieri u l-familji tagħhom huwa fl-interess pubbliku li l-Ministru responsabbli mill-ħabs Byron Camilleri jispjega b’mod immedjat x’wassal għal dan il-mewt f’eta żgħira.

9 mewtiet f’sentejn u nofs – Repubblika

L-NGO Repubblika qalet li tinsab imħassba bl-aħbar ta’ mewt oħra fil-ħabs. Qalet li jidher li l-awtoritajiet tal-ħabs diġà kkonkludew li l-mewt seħħet b’mod naturali minkejja li għad trid tibda inkjesta.

Sostniet li l-priġunieri huma fdati f’idejn l-awtoritajiet u meta jseħħ mewt fil-kustodja tal-awtoritajiet, dan iġib tħassib. “Fl-aħħar sentejn u nofs kien hemm disa’ mwiet fil-kustodja tal-awtoritajiet. Din hi indikazzjoni ta’ falliment sistematiku li jinkwetana ħafna,” insistiet l-għaqda.

Semmiet kif rapporti fl-istampa jgħidu li fil-preżent hemm madwar 25 inkjesta maġisterjali pendenti fuq inċidenti li ġraw f’dawn l-aħħar sentejn u nofs. Appellaw lill-membri tal-ġudikatura biex jużaw il-poter li ttihom il-liġi u jżuru dawk il-partijiet tal-ħabs moħbija minn għajnejn il-pubbliku u li hu rrappurtat huma miżmuma f’kundizzjonijiet li jistgħu jammontaw għal tortura jew trattament inuman. “La għandhom il-poter li jaġixxu, id-deċiżjoni tagħhom li ma jeżerċitawx dak il-poter hu forma ta’ kompliċità,” insistiet l-għaqda.