Newsbook.com.mt huwa infurmat li ħalliena Joseph G. Grech, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ t’Għawdex, fl-età ta’ 78 sena.
Joe Grech miet fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex dalgħodu.
Huwa ilu involut fil-Kamra tal-Kummerċ mill-bidu tagħha fl-1999, l-ewwel bħala Kap Eżekuttiv, u mill-2016 bħala President. Xogħlu kien influwenti ħafna fil-qasam, u għen biex il-Kamra tal-Kummerċ t’Għawdex issir ir-rappreżentanta ewlenija tan-negozju f’Għawdex. Huwa kien għadu kif ġie appuntat president ta’ INSULEUR, il-Kamra tal-Kummerċ tal-gżejjer.
Barra minn ħidmietu fil-kummerċ, Grech kien ukoll għalliem, u Kap Kummissarju tal-iScouts. Fi stqarrija, il-Kamra tal-Kummerċ t’Għawdex qalet li huwa ddedika ħajtu lill-iScouts t’Għawdex.
Il-Kamra tal-Kummerċ sellmet il-memorja tiegħu, u bagħtet il-kondoljanzi tagħha lil familtu. Il-Ministeru għal Għawdex ukoll esprima l-kondoljanzi tiegħu. Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca wkoll uriet l-apprezzament tagħha lejn il-ħidma ta’ Joe Grech.
Nixtieq insellem il-memorja tas-Sur Joseph Grech, President tal-Kamra tal-Kummerċ ta' Għawdex, li ħalliena llum -…
Posted by Marie-Louise Coleiro Preca on Thursday, September 6, 2018
Fl-irwol tiegħu bħala President, Joe Grech kien f’numru ta’ kumitati: kien ir-rappreżentant fil-Kumitat Reġjonali MCESD, fil-Kunsill Konsultattiv tal-Intrapriżi, fil-Programm tal-Mexxejja fil-Grupp taż-Żona Lokali, fil-Kumitat ta’ Monitoraġġ tal-Programm Operattiv, li hu validu mill-2014 sal-2020, kif ukoll rappreżentant fil-grupp tal-MEUSAC.
Il-Partit Nazzjonalista ngħaqad fis-sogħba għall-mewt ta’ Grech u stqarr li l-impenn tiegħu għal Għawdex u għall-ħajja kummerċjali u tan-negozju jibqgħu marka importanti tiegħu.