Imut Philippe Daverio ta’ Striscia La Notizia

Ritratt: Facebook/StrisciaLaNotizia

Tħabbret il-mewt tal-istoriku tal-Arti Taljan Philippe Daverio. Huwa kellu 70 sena, u kien jinsab ftit ġimgħat biss ‘il bogħod milli jagħlaq 71 sena.

Lil Daverio bosta jassoċjawh mal-programm satiriku Striscia La Notizia tal-Canale 5 u kemm il-darba kien wassal servizzi b’rabta kulturali għal waqt dan il-programm ta’ kuljum.

Daverio kien involut f’bosta programmi oħra u kien beda fl-1999 permezz ta’ Art’è fuq Rai Tre u sena wara kien ippreżenta Art.tù. Bejn l-2001 u l-2010, dejjem fuq Rai Tre, Daverio kien jippreżenta l-programm Passepartout.

Huwa kien twieled f’Mulhouse, fi franza fl-1949 u wara li emigra fl-Italja kiteb bosta kotba kif ukoll ikkollabora f’bosta ġurnali u rivista, kien storiku tal-arti u saħansitra kien għal xi żmien involut fil-politika fl-Italja.

It-tim ta’ Striscia La Notizia sellem il-memorja ta’ Daverio waqt li wassal ukoll il-kondoljanzi lill-qraba tiegħu.