Patrick Quinn, li l-battalja personali tiegħu mal-ALS għenet biex tinbeda l-kampanja tal-ġbir ta’ fondi magħrufa bħala l-Ice Bucket Challenge, miet nhar il-Ħadd fl-età ta’ 37 sena, seba’ snin wara li rċieva d-djanjożi tal-marda tiegħu. Dan tħabbar fuq Facebook minn persuni qrib ta’ Quinn.
Quinn, li twieled u kiber f’Yonkers, New York, kien il-kofundatur tal-kampanja li ġabret aktar minn $220 miljun għal riċerka medika għall-amyotrophic lateral sclerosis, magħrufa aħjar bħala Lou Gehrig’s Disease, skont il-paġna tal-Facebook tiegħu.
Hu rċieva d-djanjożi li huwa marid bl-ALS fit-8 ta’ Marzu, 2013, skont il-paġna tal-Facebook.
“Huwa b’dispjaċir kbir li nħabbru l-mewt ta’ Patrick kmieni dalgħodu,” qalu persuni li kienu viċin Quinn fuq Facebook. “Se nibqgħu niftakruh għall-ispirazzjoni u l-kuraġġ li wera dejjem fil-ġlieda kontinwa tiegħu kontra l-ALS.”
Kienu bosta li bagħtu l-kondoljanzi lill-familja ta’ Quinn fuq il-midja soċjali, fejn ħafna persuni espremew il-gratitudni tagħhom għall-ħidma ta’ Patrick biex iqajjem għarfien dwar il-marda u l-bżonn li tinstab kura.
L-Ice Bucket Challenge sploda fuq il-midja soċjali fis-sajf tal-2014, meta nies differenti madwar id-dinja bdew jippowstjaw vidjos u ritratti tagħhom infushom jitfgħu bramel tal-ilma fuq rashom, filwaqt li jisfidaw lil ħaddieħor biex jagħmel l-istess ħaġa, bl-għan li min jipparteċipa jagħti fondi meħtieġa għar-riċerka għall-ALS.
Skont iċ-Ċentri għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard fl-Istati Uniti, bejn 12,000 u 15,000 persuna fl-Amerika għandhom l-ALS. Hu mifhum li madwar 5% sa 10% tal-każijiet tal-ALS huma ereditarji, iżda l-kawża għadha mhux magħrufa u għad m’hemm l-ebda kura.
Fost id-diversi unuri li ngħataw lil Quinn talli qajjem tant għarfien dwar l-ALS u għall-promozzjoni tar-riċerka, hu rċieva nominazzjoni mal-attivist kollega tiegħu Peter Frates bħala “Person of the Year” mir-rivista Time. Frates miet is-sena l-oħra fl-età ta’ 34 sena, seba’ snin wara li rċieva d-djanjożi tiegħu.