​Imut Patri Rafel li kien jieħu ħsieb il-morda fl-isptarijiet

Il-kappuċċini f’Malta issa jgħoddu għal 78 hekk kif ilbieraħ miet Patri Rafel Ellul, li l-missjoni tiegħu kienet mal-morda u l-batuti fl-isptarijiet.
Ma’ Newsbook.com.mt il-Provinċjal Martin Micallef iddeskriva lill-Patri Rafel bħala bniedem ferrieħi u spiritwali, u li kien dejjem ifittex li jkun viċin in-nies.
Qal li Patri Rafel  li miet ta’ 85 sena, qatta’ snin sħaħ jieħu ħsieb il-kappella tal-Isptar San Luqa u tal-Isptar Boffa.   Għamel xi snin ukoll kappillan fid-dar tal-anzjani fl-Imtarfa.
Barra minn hekk Patri Rafel Ellul kien jakkumpanja lill-morda Maltin li kienu jitilgħu għall-kura fl-Isptar Santa Elena f’Ruma.
Fl-aħħar snin, kien rikoverat fid-dar tal-Kleru.  
L-aħħar tislima lill-Patri Rafel se tingħata għada fid-9.30am fil-Knisja tal-Kappuċċini fil-Furjana.