Imut Norman Hunter, mill-iskwadra Ingliża tat-Tazza tad-Dinja 1966

Norman Hunter, li kien plejer tal-Leeds Utd, miet illum il-Ġimgħa fl-età ta’ 76 sena wara li ħareg pożittiv għall-marda tal-koronavirus. L-aħbar ingħatat mill-klabb. Il-plejer kien jifforma parti mill-iskwadra tat-tim Ingliż tat-Tazza tad-Dinja tal-1966. Il-plejer, li kien jilgħab fil-pożizzjoni ta’ defender, iddaħħal l-isptar il-ġimgħa l-oħra.

Fi stqarrija tal-Leeds United intqal li l-klabb huwa mkisser meta sar jaf li miet Norman Hunter, stilla tal-klabb, fl-età ta’ 76 sena.

Il-klabb minn  Elland Road f’dawn il-jiem kien irringrazzja lil mijiet ta’ supporters li bagħtu messaġġi ta’ inkoraġġiment lil Norman Hunter u rringrazzjahom għall-appoġġ taghhom.

Norman Hunter kien sar famuż mas-supporters tal-klabb meta kien fit-tim ta’ Don Revie li kien rebaħ il-kampjonat Ingliż fl-1969 u fl-1974. Barra minn hekk kien ukoll fit-tim meta dawn rebħu l-FA Cup fl-1972, il-League Cup fl-1968, l-FA Charity Shield fl-1969 u l-Inter-Cities Fairs Cup fl-1968 fl-1971.