Imut Michael Robinson, l-istriker tal-Liverpool

Ritratt: liverpoolfc.com

Michael Robinson, l-istriker tal-Liverpool u tar-Repubblika tal-Irlanda, miet il-bieraħ b’kanċer fl-età ta’ 61 sena.  Il-plejer, li lagħab ukoll ma’ Manchester City u kien jippreżenta programmi fuq it-TV, kien sar jaf li kellu l-kanċer tal-ġilda fl-2018.

Tweet fuq il-kont uffiċjali tiegħu ta’ Tweeter qal li jiddispjaċihom iħabbru l-mewt ta’ Michael li ħalliethom iħossu vojt kbir f’ħajjithom imma b’bosta memorji sbieħ, l-istess bħalma jħossu wkoll dawk li wrew l-apprezzament tiegħu lejh.

“Aħna nkunu grati għal dejjem għaliex intom għamiltu lil dan ir-raġel ferħan ħafna,” kompla t-tweet. “Qatt ma mexa waħdu. Grazzi.”

Robinson kien fit-tim ta’ Liverpool fl-istaġun 1983-1984 meta rebħu l-European Cup, il-First Division u l-League Cup.

Barra mit-timijiet imsemmija qabel, Robinson lagħab 113-il darba mat-tim ta’ Brighton u qabel l-1989, meta temm il-karriera ta’ plejer, kien lagħab ukoll ma’ Preston u QPR.

Michael Robinson skorja erba’ darbiet fl-24 logħba li lagħab għall-Irlanda bejn l-1080 u l-1986.