Imut MEP Portugiż; minuta silenzju fi Strasburgu

Il-Membri Parlamentari Ewropej żammew minuta ta’ silenzju fil-bidu tas-sessjoni plenarja llum fi Strasburgu wara l-mewt ta’ MEP Portugiż.

Waqt is-sessjoni plenarja fi Strasburgu, li attenda għaliha Newsbook.com.mt, il-President tal-Parlament Ewropew, David Sassoli beda billi fakkar lil André Bradford. Hu miet ħabta u sabta permezz ta’ attakk tal-qalb. Sassoli qal li din kienet telfa mhix mistennija, speċjalment hekk kif Bradford kien għad kellu 48 sena. 

Il-President qal li Bradford iddedika ħajtu għad-difiża tad-demokrazija u l-awtonomija politika fir-reġjun tiegħu. Qal li dejjem kien rikonoxxut u mfaħħar għall-mod kif kien jitkellem. Hu kien elett fil-Parlament Ewropew għall-ewwel darba fl-elezzjonijiet ta’ Mejju li għadda. Sassoli esprima d-dieqa tiegħu u għadda l-kondoljanzi lill-familja, ħbieb u gruppi politiċi ta’ Bradford. Bradford kien iddaħħal l-isptar fit-8 ta’ Lulju fejn kien tpoġġa f’koma.

Traġedja oħra…

Sassoli tkellem ukoll dwar l-għarar li seħħ fiċ-ċentru u fin-nofsinhar ta’ Spanja fejn tilfu ħajjithom sitt persuni. Qal li eluf oħrajn ġew sfurzati jabbandunaw id-djar tagħhom u l-postijiet tax-xogħol. Sassoli esprima s-solidarjetà tiegħu ma’ dawk kollha li ġew affetwati minn dan l-għarar. Faħħar ukoll lil dawk kollha li jaħdmu mas-servizzi tal-emerġenza.

Żewġ membri ġodda fil-Parlament Ewropew

Waqt il-ftuħ tas-sessjoni plenarja u qabel ma saru xi emendi għall-aġenda tat-tliet ijiem li ġejjin, Sassoli ħabbar li żewġ siġġijiet fil-Parlament li kienu ġew vakati issa mtlew. Spjega li d-Danimarka u l-Portugall it-tnejn għandhom MEP ġdid jirrapreżentahom.