Imut Martin Micallef iċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir

Read in English.

Iċ-Chairperson tal-Awtorità tax-Xandir Martin Micallef miet matul il-lejl li għadda wara li kienu ilu għal ġimgħat jissielet il-marda tal-kanċer. Micallef ġie maħtur Chairperson tal-Awtorità f’April tal-2017 u kellu 61 sena.

Tuli l-karriera tiegħu huwa ħadem fuq diversi produzzjonijiet lokali u internazzjonali flimkien mar-Rai, France 2 u l-kamra tal-produzzjoni Taljana Mediaset.

Fi stqarrija, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Joanna Spiteri qalet li l-esperjenza vasta tiegħu saħħet lill-organizzazzjoni u l-industrija tax-xandir inġenerali.

Il-Prim Ministru fi tweet qal li jinsab ixxukjat bl-aħbar tal-mewt ta’ Martin Micallef. Qal li Micallef onora l-irwol tiegħu b’manjiera eċċezzjonali.

Filwaqt li bagħtu l-kondoljanzi lill-qraba tiegħu, kemm il-Partit Laburista kif ukoll il-Partit Nazzjonalista sellmu l-memorja ta’ Martin Micallef. Il-Partit Laburista qal fi stqarrija li Martin Micallef jibqa’ magħruf bħala bniedem kolt u espert fil-qasam tax-xandir. Intqal ukoll li Martin Micallef ta kontribut siewi lis-settur tal-ġurnaliżmu f’Malta għal ħafna snin.

L-Awtorità tax-Xandir bagħtet il-kondoljanzi tagħha.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin fi stqarrija sellem lil Martin Micallef. L-IĠM qal li apparti li kien gradwat fix-xandir, Micallef kien igawdi rispett fil-qasam ġurnalistiku wara karriera ta’ aktar minn 40 sena f’dan is-settur, partikolarment fil-qasam tax-xandir.

Newsbook.com.mt jibgħat il-kondoljanzi lill-familjari ta’ Martin Micallef.