Imut Malti li sar miraklu miegħu meta kellu 7 snin

Patrick Ciappara, li kellu tumur f'moħħu, kien fieq b'miraklu li wassal għall-kanonizzazzjoni ta' soru Taljana

Patrick Ciappara - miraklu Soru Taljana

Patrick Ciappara ta’ 42 sena llum ingħata l-aħħar tislima fis-Santwarju ta’ Santa Tereża f’Birkirkara, wara li nhar is-Sibt 5 ta’ Diċembru tilef il-battalja tiegħu mal-kanċer.

Ta’ seba’ snin, lura fl-1985, Patrick kellu tumur f’moħħu li skont it-tobba ma kienx hemm fejqan għalih. Il-kundizzjoni tiegħu tant ħżienet li saħansitra kien spiċċa pparalizzat.

Għalkemm il-ġenituri tiegħu kienu tilfu kull tama ta’ fejqan, iz-zija ta’ omm Patrick, li hija Soru tal-Karità u Sr Maria Antida Mifsud (Soru tal-Karità) li kienet in-Nursing Officer tas-sala fejn kien hemm Patrick, inkoraġġew lill-ġenituri biex jitolbu għall-miraklu tal-fejqan bl-interċessjoni ta’ Beata Agostina Pietrantoni.

Il-Beata Agostina kienet Soru tal-Karità li kienet taħdem fl-Isptar Santu Spirtu ta’ Ruma.  Għalkemm hi kienet taħdem fis-sala tal-morda bit-tuberkulożi, kien hemm ukoll numru ta’ morda li kienu kriminali kkundannati.  Kien propju wieħed minn dawn il-kriminali li fit-13 ta’ Novembru 1894 qatilha fl-età ta’ 30 sena.   Agostina kienet ġiet ibbeatifikata fis-sena 1972 u biex tiġi kkanonizzaata kien jonqos miraklu wieħed.

Kien hemm ħafna talb għal Patrick bl-interċessjoni ta’ Beata Agostina.  Meta Patrick beda juri ftit progress f’saħħtu, ħasbu li dan il-progress kien biss temporanju.  Però tant beda sejjer għall-aħjar li anki beda jimxi wara xhur sħaħ fejn ma kellux kontroll tal-movimenti ta’ ġismu.  It-tobba stagħġbu għaliex ir-riżultati mediċi kollha kienu juru li ma kienx hemm fejqan.  It-tumur ma deherx aktar u Patrick beda jmur l-iskola.  Il-fejqan mirakuluż kien attribut għall-interċessjoni ta’ Beata Agostina. 

Il-Vatikan kien bagħat avukat biex jinvestiga dan il-fejqan. Patrick ittieħed Ruma biex isirulu investigazzjonijiet mediċi oħrajn. Il-konklużjoni kienet li l-fejqan ma setax jiġi spjegat b’mod mediku u l-Vatikan aċċetta li kien hemm intervent sopranaturali.  Bis-saħħa ta’ dan il-miraklu, fit-18 ta’ April 1999, San Ġwanni Pawlu II iddikjara lil Agostina Pietrantoni qaddisa. 

Dan ma kienx l-ewwel miraklu marbut mas-Sorijiet tal-Karità f’Malta, għax fit-23 ta’ Mejju 1926, fil-festa tal-Fundatriċi tal-Kongregazzjoni, soru Taljana li kienet taħdem bħala infermiera fl-isptar Ċentrali, ġiet imfejqa mirakulużament bl-interċessjoni ta’ Ġovanna Antida li kienet għadha beata. Grazzi għall-fejqan ta’ din is-soru, il-fundatriċi Ġovanna Antida, ġiet iddikjarata qaddisa fl-14 ta’ Jannar 1934.

X’taħseb dwar l-istorja ta’ Patrick?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt