Imut l-iqsar bniedem fid-dinja

L-iqsar raġel li seta’ jimxi miet fi sptar fin-Nepal fl-età ta’ 27 sena biss. Khagendra Thapa Magar, li kellu tul ta’ 67.08 ċentimetri (2 piedi u 2 pulzieri) miet kawża tal-pnewmonja.

Ħuh Mahesh Thapa Magar qal li: “Ħija kien dieħel u ħiereġ mill-isptar minħabba l-pnewmonja. Iżda din id-darba affettwatlu wkoll qalbu.”

Khagendra għall-ewwel ġie dikjarat l-iqsar raġel fid-dinja fl-2010 wara li kien għalaq 18-il sena meta t-titlu tiegħu ġie vverifikat minn Guinness World Records. Madankollu tilef it-titlu wara li Chandra Bahadur Dangi tan-Nepal, b’tul ta’ 54.6 ċentimetru (1pied u 7.9 pulzieri), instab li kien l-iqsar bniedem mobbli tad-dinja. Khagendra reġa’ kiseb it-titlu wara l-mewt ta’ Dangi fl-2015.

Missieru, Roop Bahadur, qal: “Huwa tant kien ċkejkna meta twieled li seta’ joqgħod fil-pala ta’ jdejk, u kien diffiċli ħafna li taħslu għax kien daqshekk żgħir.”

Khagendra miet fl-isptar fil-belt ta’ Pokhara, fejn kien jgħix mal-ġenituri tiegħu. Bħala l-iqsar raġel fid-dinja, Khagendra vvjaġġja lejn aktar minn 12-il pajjiż u deher fuq it-televiżjoni fl-Ewropa u fl-Istati Uniti.

Ir-raġel tant akkwista fama li maż-żmien sar ukoll wiċċ uffiċjali tal-kampanja tat-turiżmu tan-Nepal, il-pajjiż tal-muntanja Everest.