​Imut l-Imħallef Gino Camilleri

Illum tħabbret il-mewt tal-Imħallef Gino Camilleri ta’ 64 sena. 
Hu kien laħaq avukat fl-1973, u ġie appuntat Maġistrat fl-1983. Camilleri ippresieda fil-Qrati tal-Maġistrati f’Malta u Għawdex f’każijiet ta’ natura ċivili kif ukoll kriminali.
Inħatar Imħallef tal-Qorti Suprema fl-1995, u fl-2005 sar membru tal-Forum Ewropew tal-Imħallfin għall-Ambjent.
Huwa ta kontribut ukoll fis-settur sportiv, bħala President tal-Kumitat Olimpiku Malti.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-Imħallef Camilleri dejjem wera sens ta' ġustizzja, u li ta servizz pubbliku fl-interess tas-soċjetà, b'lealtà lejn il-Kostituzzjoni. 
Fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici sellem lill-Imħallef Camilleri, fejn iddeskrivih bħala raġel ta’ prinċipju.
Il-Partit Nazzjonalista wkoll sellem il-memorja tal-Imħallef, u ta l-kondoljanzi lill-familjari tiegħu.