Imut l-ewwel Kaptan Malti li tajjar ajruplan tal-Air Malta

Miet Carmel (Charles) Massa, l-ewwel Kaptan Malti li tajjar ajruplan tal-Air Malta.

Fi stqarrija l-Air Malta qalet li Massa miet fl-eta’ ta’ 66 sena.

Il-Kaptan Massa kien l-ewwel Kaptan Malti li tajjar ajruplan tal-Air Malta. Kien fit-8 ta’ Ottubru tal-1985 meta l-ajruplan tal-Air Malta ħalla Malta fi triqu lejn l-ajruport ta’ Gatwick fl-Londra. Dakinhar il-Kaptan Massa kellu 31 sena.

Meta fis-sebgħinijiet twaqqfet il-linja nazzjonali tal-ajru ta’ Malta, l-Air Malta, il-kumpanija kellha bdoti barranin filwaqt li bdiet tħarreġ dawk Maltin.

L-Air Malta qalet li Massa għamel 41 sena jaħdem magħha fejn 31 sena minnhom għamilhom bħala Kaptan. B’kollox għamel 25,000 siegħa fl-ajru fejn għal 8,000 darba tella’ u niżżel ajruplan tal-Air Malta. Il-Kaptan Massa kien ukoll pijunier fit-twaqqif tad-Dipartiment tat-Taħriġ għall-bdoti u l-ekwipaġġ tal-Air Malta.

L-aħħar titjira tiegħu kienet KM 612 għal Ruma u lura fil-5 ta’ Mejju 2016.