Imut l-eks Prim Ministru Spanjol Adolfo Suarez

Adolfo Suarez, l-eks Prim Ministru Spanjol li mexxa n-nazzjon fiż-żminijiet diffiċli wara l-mewt tad-dittatur faxxista Francisco Franco, miet fl-età ta’ 81 sena.

Suarez iddaħħal l-isptar it-Tnejn li għadda wara li sofra minn infezzjoni respiratorja.

L-eks Prim Ministru kien imqabbad mir-Re Juan Carlos, wara l-mewt ta’ Franco fl-1975, biex imexxi u jerġa’ jgħaqqad lil Spanja. Huwa serva bħala Prim Ministru sal-1981 u huwa wieħed mill-aktar politiċi rispettati fi Spanja.

Malli tħabbret il-mewt, ir-Re Juan Carlos sellem il-memorja tiegħu u ddeskrivih bħala “kollega u ħabib ta’ veru.” Żied jgħid li Suarez dejjem kien leali lejn il-Monarkija Spanjola u ħadem biex isaħħaħ id-demokrazija u jgħaqqad lil Spanja fid-diversità kollha tagħha.