Imut l-eks president ta’ Real Madrid Lorenzo Sanz

L-eks president ta’ Real Madrid Lorenzo Sanz miet nhar is-Sibt wara li kien l-isptar minħabba li spiċċa infettat bil-coronavirus.

Sanz li kellu 76 sena, kien il-president tal-Bernabeu bejn l-1995 u l-2000, pejodu fejn Real rebħu ċ-Champions League darbtejn. Ibnu Lorenzo Sanz Duran ħabbar il-mewt ta’ missieru fuq Twitter. Stqarr li ma kienx ħaqqu jmut b’dan il-mod. Iddeskriva lil missieru bħala wieħed mill-persuni l-aktar qalbiena li qatt iltaqa’ magħhom f’ħajtu. Qal li familtu u Real Madrid kienu l-passjoni tiegħu.

Fi żmienu bħala president tal-klabb, Sanz kien iffirma uħud mill-aqwa plejers, fosthom lil Roberto Carlos, Clarence Seedorf u lil Davor Suker.