Imut l-eks Kap tal-Kummissjoni Elettorali Joseph Church

Ħarġet l-aħbar li miet l-eks Kap tal-Kummissjoni Elettoral Joseph Church.

Huwa beda jokkupa din il-kariga fl-2014 u baqa’ jokkupaha sa Lulju li għadda.

Il-Gvern ħareġ stqarrija sabiex isellem il-memorja tiegħu. Irringrazzja lil Church u fakkar kemm dan ħadem bi sħiħ sabiex f’Malta jiġu mħarsa l-proċessi demokratiċi.

Ġie spjegat li Church ħadem sabiex jiddaħħlu prattiċi ġodda fl-elezzjonijiet, fosthom li jsir l-għadd b’mod elettroniku, filwaqt li fl-aħħar snin ra li jiżdiedu fuq ir-reġistru elettorali persuni ta’ ’l fuq minn 16-il sena li setgħu jivvutaw f’tal-inqas żewġ elezzjonijiet fuq skala nazzjonali.

Huwa kellu karriera twila wkoll fis-servizz pubbliku bħala Direttur Ġenerali tas-Saħħa, u kien Segretarju tal-Presidenza fi żmien il-President Emeritu George Abela.

Il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista wkoll sellmu l-memorja tiegħu fi stqarrija, kif ukoll l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, f’ismu u f’isem id-Deputati tal-Kamra.

L-Ispeaker Farrugia xtaq jirringrazzjah tal-kontribut li huwa ta biex f’Malta tkompli titħaddem id-demokrazija parlamentari u estenda l-kondoljanzi tiegħu u tal-Kamra lill-qraba tiegħu.

Huma lkoll taw il-kondoljanzi tagħhom lill-familja ta’ Joseph Church.