Imut l-eks Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali Frank Pullicino

Frank Pullicino, li kien id-direttur tad-Dipartiment tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali bejn l-1999 u l-2005, miet fl-età ta’ 76 sena.

Fi stqarrija, il-UĦM Voice of the Workers sellmet lil Pullicino, li ddeskriviet bħala persuna “strumentali biex iddaħħal il-kunċett ta’ djalogu soċjali fost il-unions, l-għaqdiet ta’ min iħaddem u l-korpi kostitwiti.”

“Kien bniedem li anki f’sitwazzjonijiet ta’ tensjoni kbira u f’ċirkostanzi ta’ konfrontazzjoni imminenti kien jirnexxielu jgħaqqad il-partijiet bil-mod kalm u l-karattru kompost li kien magħruf għalih,” sostna l-kap eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella.

L-eks segretarju ġenerali tal-uniion Gejtu Vella saħaq li Pullicino “kellu ħiliet kbar fil-medjazzjoni u kwistjonijiet li kien jidhru impossibbli kien jirnexxielu jsolvihom u jġib il-partijiet flimkien.”

Żied li tant kien jieħu interess ġenwin li hekk kif kienet tkun dikjarata tilwima industrijali kien jieħu l-inizjattiva minn jeddu biex ilaqqa’ ż-żewġ naħat.

“Għalih ma kienx hemm ħinijiet u kien dejjem disponibbli. Il-pjaċir tiegħu kien li meta jinstab kompromess jara l-partijiet sodisfatti bil-ftehim,” żied jgħid Vella.

L-eks president tal-union Gejtu Tanti fakkar il-kwistjonijiet kbar li kellu jaffaċċja Pullicino, inkluż dawk tal-Port Ħieles u tat-trasport pubbliku.

“Kien bniedem ċajtier, prattiku u sinċier. Jekk ikollok raġun kont tieħdu iżda jekk le kien jgħidlek l-affarijiet kif inhuma,” Tanti qal.

Skont Tanti, il-legat ta’ Pullicino għadu ħaj sal-lum għax ittrasforma r-rwol li kellu minn wieħed formali għal wieħed pro attiv billi kien jieħu l-inizjattiva personali hekk kif tinbet xi kwistjoni industrijali.

“B’xorti tajba dan l-istil inżamm mis-suċċessuri tiegħu u dan kien pass kbir ’il quddiem fir-relazzjoni bejn l-imsieħba soċjali,” żied jgħid Tanti.