Imut l-attur veteran Robin Williams

L-attur veteran Robin Williams, instab mejjet fid-dar tiegħu f’Kalifornja.
Williams, li kellu 63 sena, kien qed ibati minn depressjoni qawwija u kien għaddej bir-rijabilitazzjoni mill-alkoħol.
Huwa ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post ftit wara li waslet telefonata għall-għajnuna lill-Pulizija.
Robin Williams, twieled f’Chicago fl-1951 u kien meqjus bħala pilastru taċ-ċinema madwar id-dinja speċjalment fl-Istati Uniti u rebbieħ tal-premju Oscar.
Williams sar magħruf permezz tas-sensiela televiżiva Mork & Mindy sakemm rebaħ l-Oscar bil-film Good Will Hunting.
Maż-żmien baqa’ popolari permezz ta’ films oħra fosthom Mrs Doubtfire.
Martu, Susan Schneider qalet li tilfet lil żewġha u l-aqwa ħabib li kellha imma d-dinja tilfet wieħed mill-aqwa persuni u atturi.
Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama għadda l-kondoljanzi lill-familja Williams u ddeskrivih bħala bniedem li miss b’idejh l-ispirtu uman filwaqt li bit-talent tiegħu għen lis-soċjetà Amerikana kollha mis-suldati li jinsabu stazzjonati barra mill-pajjiż sal-emarġinati fit-toroq.