Imut l-attur Robert Hossein

Robert Hoosein

Fl-aħħar jum tas-sena tħabbret il-mewt tal-attur Franċiż Robert Hossein. Huwa miet jum biss wara li għalaq 93 sena. L-attur miet minn kumplikazzjonijiet wara li rriżulta pożittiv għall-Covid-19.

L-attur kellu karriera twila fil-films u kien magħruf għal bosta partijiet fosthom dik tal-Konti Jeoffrey de Peyrac fil-films ta’ Angelica li spiss jixxandru fuq l-istazzjon Taljan Rete 4.

Robert Hossein
Robert Hossein u Michelle Mercier fil-films ta’ Angelica

Apparti l-films ta’ Angelica, Hossein kien ħa sehem f’numru kbir ta’ films oħra fosthom The Battle of El Alamein, Cemetery Without Crosses, Les Miserables, A Man & His Dog, The Scarlet Lady, Crime & Punishment, Vice and Virtue, No Sun in Venice, The Lame Devil u The Wax Mask.

Meta kellu 50 sena, Hossein tgħammed fil-Knisja Kattolika Rumana. Huwa kkonverta wara li kien fuq żjara fil-Lombardia, l-Italja.

Fl-2007 huwa kien ippreżenta l-play Do Not Be Afriad dwar il-ħajja ta’ Papa Ġwanni Pawlu II. Huwa kien devot ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux.