Imut l-attur Richard Herd tas-sensiela V-Visitors

Miet fl-etá ta’ 87 sena l-attur Amerikan Richard Herd li bosta jiftaktu bħala l-Kmandant John fis-sensiela oriġinali ta’ V-Visitors li kienet ixxandret b’suċċess kbir fis-Snin 80. Reġa’ daħal għal dan il-karattru fis-sequel li kien inħadem. L-attur miet fid-dar tiegħu f’Los Angeles wara li sofra kumplikazzjonijiet minn kanċer.

Richard Herd kien magħruf ukoll għall-interpretazzjoni tiegħu ta’ Mr Wilhelm fis-sensiela popolari Seinfeld.

Hu kien iddebutta fiċ-ċinema fl-1970 fil-film Hercules in New York u fis-snin ta’ wara fil-films The China Syndrome (1979), F.I.S.T. (1979), The Onion Field (1979), Planes, Trains and Automobiles (1987), u Midnight in the Garden of Good and Evil (1997).

Huwa interpreta lil Klingon L’Kor fi Star Trek: The Next Generation, lill-Ammiral William Noyce fis-sensiela seaQuest 2032 kif ukoll l-Ammiral Owen Paris fi Star Trek: Voyager, u Star Trek: Renegades.