Imut l-attur John Callahan; ħadem f’bosta soap operas

John Callahan, f'ritratt kif ħafna aktarx jiftakruh meta kien jaħdem fis-soap operas

Miet fl-età ta’ 66 sena l-attur Amerikan John Callahan li ħadem f’għadd ta’ soap operas magħrufa. L-aktar karattru li hu jibqa’ assoċjat miegħu hu dak ta’ Edmund Gray li huwa interpreta f’All My Children bejn l-1992 u l-2005.

Matul is-snin Callahan ħa sehem f’numru ta’ soap operas oħra li jinkludu Santa Barbara (bħala Craig Hunt), Days of our Lives (bħala Dr. Baker), kif ukoll Falcon Crest (bħala Eric Stavros).

Callahan kien mifrud minn martu l-attriċi Eva La Rue, u għandhom tifla Kaya. L-eks mara tiegħu sellmitlu permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali fejn iddeskrivietu bħala ħabib kbir tagħha u missier mill-aqwa għal binthom.

L-attur ittieħed l-isptar b’urġenza nhar il-Ġimgħa wara li sofra puplesija. Huwa miet is-Sibt ftit ħin biss wara li l-eks martu u bintu kien għadhom kif ħarġu minn ħdejh.