Imut l-attur Joe Izzo

Read in English.

Fuq il-midja soċjali tħabbret il-mewt tal-attur Joe Izzo. Hu kellu 74 sena. Hu kien twieled nhar l-20 ta’ Lulju tal-1945.

Joe Izzo kien twieled f’Tas-Sliema u kien iben l-attur Charles Izzo, li kien jinterpreta l-karattru ta’ Kaspitina fis-sensiela oriġinali ta’ Wenzu u Rożi.

Matul is-snin Joe Izzo ħadem f’numru kbir ta’ produzzjonijiet u fost l-aħħar produzzjonijiet insibu s-sensiela Dejjem Tiegħek Becky fl-istaġun li kien inħadem fl-2007. Bħalissa qed jidher ukoll fir-repetizzjonijiet tas-sensiela Deja Vù li qed jixxandru fuq l-istazzjon Net.

Joe kien ħadem f’numru kbir ta’ produzzjonijiet teatrali, f’partijiet komiċi u anki serji f’addttamenti ta’ xogħlijiet ta’ Shakespeare, Pirandello u Moliere.

Christian Mifsud li jaħdem bħala stage manager fuq il-palk f’diversi produzzjonijiet teatrali sellem il-memorja ta’ Izzo u kiteb li “Il-kontribut tiegħu fid-dinja tat-teatru kien kbir. Huwa ma kienx biss il-kummidjant li kulħadd kien jassoċjah. Il-ħiliet direzzjonali tiegħu ġew imfittxija u hu kien dejjem lest li jgħallem.”

Fl-aħħar snin Joe kien ukoll jieħu ħsieb il-produzzjonijiet tal-Valletta Dramatic Company.

Joe Izzo kien miżżewweġ lil Bernadette nèe Kerridge u għandhom tifel, Julian.