Jitħabbru d-dettalji tal-funeral ta’ George Micallef

Aġġornat 06:28 PM

Matul il-lejl miet l-attur George Micallef, magħruf għas-sehem tiegħu f’għadd kbir ta’ sensiliet fuq it-televiżjoni, fosthom il-popolari Fredu l-Fra kif ukoll Sisters, is-sitcom bil-karattri ta’ Jessie u Bessie, Sptar San Valentino u K.C.

Micallef kellu 76 sena.

Il-funeral tiegħu se jsir nhar l-Erbgħa fis-2pm fil-Knisja ta’ San Pawl fil-Belt Valletta. Dan ħabbru ħuh Mario Micallef fuq Facebook.

Micallef kien ukoll magħruf għall-produzzjonijiet li kien itella’ fit-teatru permezz tal-kumpanija tiegħu l-Valletta Dramatic Company fejn fost l-oħrajn kull sena kien iwassal l-ispettaklu ta’ Kantanapoli.

Kien ukoll akkanit tal-operettas, li tagħhom kien itella’ wkoll bosta produzzjonijiet. Għal bosta snin kien magħruf għall-mod kif kien jippreżenta wkoll Il-Ħadd it-Tajjeb flimkien ma’ Hector Bruno.

Il-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ Micallef. George Micallef kien ġie onorat ukoll tul is-serata ta’ Net Honours li saret fl-2018, fejn għadd ta’ persuni ingħataw dan l-unur għall-kontribut li taw lil Net TV tul is-snin. Il-Partit Nazzjonalista ta l-kondoljanzi lill-familja u l-qraba.

Strieħ fis-sliem George.