Imut l-attur Chadwick Boseman ta’ The Black Panther

Chadwick Boseman waqt it-tnedija ta' Gods of Egypt. Ritratt: Sachlyn Mital

Miet fl-età ta’ 43 sena l-attur Chadwick Boseman li huwa magħruf l-aktar għall-parti li huwa ħadem fil-film Black Panther. Huwa miet ilbieraħ il-Ġimgħa 28 ta’ Awwissu, fid-dar tiegħu minħabba f’kumplikazzjonijiet minn kanċer fil-musrana.

L-attur ma kienx tkellem dwar il-kundizzjoni li kellu f’saħtu u baqa’ jaħdem fil-films. Huwa għalhekk li bista fans u anke persuni li kienu jafu lill-atturi kkummentaw li baqgħu xxukkjati bl-aħbar li l-attur kien ħalliena.

Apparti l-film The Black Panther tal-Marvel, Boseman ħadem f’episodji minn sensiliet bħal CSI – NY, Cold Case, ER, Third Watch, u Cold Case qabel ma għadda għal partijiet ferm aktar impenjattivi fil-films fejn fost l-oħrajn interpreta lill-plejer tal-baseball Jackie Robinson fil-film 42m u lill-mużiċist James Brown fil-film Get On Up. Huwa kien interpreta wkoll il Toth fil-film Gods of Egypt.

Il-parti ta’ T’Challa tant intlaqgħet tajjeb li reġà daħal għal din il-parti fi tlett films oħra tal-Marvel, Captain America: Civil War, Avengers: Infinity War u Avengers: Endgame.

Hu kien lesta jaħdem il-film Ma Rainey’s Black Bottom flimkien mal-attriċi Viola Davis tas-sensiela How To Get Away With Murder. Il-film mistenni jinħareġ minn Netflix aktar tard din is-sena.