Imut l-artist magħruf Ġanni Bonnici

Read in English.

Tħabbret il-mewt tal-artist magħruf Malti Ġanni Bonnici fl-età ta’ 86 sena, propju 18-il jum qabel għeluq sninu.

Dan ħabbru ibnu Hermann Bonnici fi stqarrija mibgħuta lill-media lokali. Bonnici kien magħruf f’bosta sferi tal-arti, fejn kien skultur, ċeramista u medallist. Hu kien twieled fl-4 ta’ Settembru tal-1932 u huwa mgħaruf bħala pijunier fil-qasam taċ-ċeramika moderna f’Malta. Hu kien jiddisinja wkoll medalji, muniti u bolol.

Hu kien beda t-taħriġ artistiku tiegħu fl-Iskola tal-Arti Maltija fejn kien studja bejn l-1945 u l-1953 qabel ma mar fir-Renju Unit fejn speċjalizza fiċ-ċeramika fil-Kulleġġ taċ-Ċeramika. Hu kien responsabbli għal numru ta’ monumenti kemm Malta kif ukoll barra minn Malta, dawn jinkludu San Ġużepp fuq il-faċċata ta’ dik li kienet is-St Joseph  Secondary Technical School f’Paola, Madonna Reġina għall-Iskola ta’ Maria Regina fi Blata l-Bajda, San Franġisk t’Assisi u l-Madonna ta’ Porziuncola għall-Porziuncola Retreat House f’Baħar iċ-Ċagħaq, u l-monument tat-Tabib Nicola Zammit fis-Siġġiewi.

Bonnici kien ukoll reponsabbli għall-monument li jfakkar il-vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija fl-Isla, l-Mosta u Ħ’Attard. Intant bejn l-1990 u l-1994 Bonnici pproduċa statwa ta’ Kristu Rxoxt għall-Knisja tal-Martri tal-Ġappun fi Bradford fil-Kanada.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ Bonnici u spjega kif hu kien ingħata Ġieħ il-Mosta fl-1999 u fl-2002 irċieva l-unur prestiġjuż ta’ Membru tal-Ordni Nazzjonali Għall-Mertu mill-President ta’ dak iż-żmien, Guido de Marco.