Imut it-tieni l-aktar saċerdot anzjan f’Għawdex

It-tieni l-aktar saċerdot anzjan fid-Djoċesi ta’ Għawdex miet dalgħodu fl-età ta’ 93 sena.
Dun Karm Cassar minn Għajnsielem jibqa’ mfakkar għall-kitbiet li ħarġu mill-pinna tiegħu dwar raħal twelidu.
Għal 26 sena, Dun Karm mexxa ċ-Ċirklu tal-Azzjoni Kattolika f’Għajnsielem, kien direttur tal-Grupp tal-Abbatini tal-Parroċċa, direttur spiritwali fil-Leġjun ta’ Marija, u ddedika 38 sena jgħallem il-katekiżmu fil-parroċċa.
Fl-1995 ingħata l-ewwel edizzjoni ta’ Ġieħ Għajnsielem mill-Kunsill Lokali.
L-aħħar tislima lil Dun Karm se tingħata nhar it-Tlieta li ġej. Fis-2.30pm, il-katavru se jkun esport fil-knisja l-qadima ta’ Għajnsielem, fl-4.30pm isir it-talb tas-Salmi u wara korteo għall-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Loretu fejn fil-5pm issir Quddiesa.
Ritratt: Radju Lawretana