Imut kompożitur ta’ diski ta’ Elvis Presley

Tħabbret il-mewt ta’ Mac Davis, il-kompożitur li kiteb bosta kanzunetti għal Elvis Presley li baqgħu popolari sal-lum. Fost dawn insibu In the Ghetto, A Little Less Conversation, Memories u Don’t Cry, Daddy. Huwa miet nhar it-Tlieta fl-età ta’ 78 sena.

Davis miet wara kumplikazzjonijiet li kellu meta għamel operazzjoni tal-qalb f’Nashville.

Davis kien kantant wkoll u fl-1972 kien fil-quċċata tal-klassifika fl-Istati Uniti b’Baby Don’t Get Hooked on Me u sentejn wara reġa’ għamilha bi Stop and Smell the Roses. Fis-snin 80 kellu numru ta’ suċċessi bħala kantant fosthom It’s Hard to be Humble u I Never Made Love (Till I Made it with You) li kienet l-aħħar kanzunetta tiegħu.  

Is-sena l-oħra kien wieħed mill-kantanti li taw ġieħ lil Elvis Presley f’serata li saret biex iqimu l-memorja tar-Re tar-Rock ’n’ Roll.