Imut Joseph Bartolo; “Kien pilastru tal-Alleanza Kontra l-Faqar”

DOI - Kevin Abela

Read in English.

L-Alleanza Kontra l-Faqar iddeskriviet lil Joseph Bartolo bħala pilastru tal-grupp tagħha.

Il-mewt tiegħu tħabbret dalgħodu fuq Facebook mill-għaqda nnifisha u anke mill-qraba tiegħu. Bint Bartolo ħalliet messaġġ lil missierha fuq Facebook fejn sostniet li missierha ħalliha kmieni wisq. Hi qalet li se tibqa’ tiftakru bi tbissima fuq wiċċu u f’saħħtu. Qalet li tal-inqas issa taf li m’għadux iktar imdejjaq għax ma kienx għadu li kien.

Intant, l-Alleanza Kontra l-faqar spjegat li Bartolo kien ħa r-riedni tal-grupp f’idejh biex jibda l-kampanja tiegħu favur pagi ogħla.

Fuq Facebook, Matthew Borg, mill-Alleanza Kontra l-Faqar spjega li kien ta’ spiss jiltaqa’ ma’ Bartolo biex jiddiskutu u jmexxu l-ideat. Qal li ma’ Bartolo kien jidħak ukoll għax kien bniedem li jħobb jiċċajta. Qal iżda li kien għalliem “li jibqa’ jħeġġek u fl-istess ħin kont tħoss li għandu xi missjoni biex jgħaddi dak li jaf lilek”.

Borg spjega kif l-aħħar li kellem lil Bartolo kien is-Sibt filgħaxija, fuq it-telefown, fejn tkellem dwar il-ħolma ta’ Charles Miceli, l-attivist kontra l-faqar. Miceli miet fl-età ta’ 68 sena f’Marzu tal-2018. Borg temm jgħid li issa, l-Alleanza Kontra l-Faqar għandha aktar għal xiex tiġġieled.

Il-PL isellem il-memorja ta’ Joe Bartolo

Il-Partit Laburista sellem il-memorja ta’ Joe Bartolo, u ddeskrivih bħala “bniedem li ta kontribut kbir fil-ġlieda kontra l-faqar u fil-qasam tal-housing soċjali.”

Il-PN jsellem il-memorja ta’ Joe Bartolo

Il-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ Joe Bartolo, u ddeskrivewh bħala bniedem li “ddedika l-ħidma tiegħu fil-ġlieda kontra l-faqar u favur l-iżjed persuni batuti fis-soċjetà.”