Aġġornata: Imut Dr Joe Cassar – eks-ambaxxatur ta’ Malta

Aġġornata 12:50 bl-istqarrija tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin
Dalgħodu tħabbret il-mewt tal-eks-ambaxxatur ta’ Malta, Dr Joe Cassar, fl-età ta’ 70 sena.
Dr Cassar serva bħala l-ambaxxatur ta’ Malta f’bosta pajjiżi, fosthom kien rappreżentant Malti permanenti għan-Nazzjonijiet Uniti f’Ġinevra u fi New York, kif ukoll ambaxxatur fl-Italja, fiċ-Ċina u fil-Libja.
Jibqa’ mfakkar ukoll fl-edukazzjoni lokali bħala edukatur li kiseb id-Dottorat fix-Xjenza Politika mill-Università Kattolika ta’ Milan.
Hu kien għamel xi żmien jgħallem ukoll fis-St John’s University ta’ New York.
Dr Cassar kien serva bħala Direttur Editorjali tal-Independence Press u President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista.
"Diplomatiku ħawtiel u integru" – Ministeru
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ta l-għomor lill-familja tal-eks Ambaxxatur Joe Cassar.
Il-Ministeru semma kif se jibqa’ mfakkar bħala diplomatiku ħawtiel, metikoluż, integru u li jħobb il-valuri, ir-reżiljenza u l-etika tax-xogħol.
Qal li qed iħalli bħala wirt l-kontribut kollu li ta lid-diplomazija Maltija.
Intant fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta' Dr Cassar, filwaqt li ta l-kondoljanzi lill-familja tiegħu.