Imut ix-xandar veteran Manni Spiteri

Ilbieraħ filgħaxija miet ix-xandar veteran Manni Spiteri li jibqa' mfakkar għal karriera ta' aktar minn 50 sena marbuta max-xandir bir-radju u t-televiżjoni. 
Manni Spiteri miet fid-dar tiegħu stess, preċiżament fl-istudjow li kellu biex jibqa' jirrikordja l-programmi tar-radju.  
Sal-bieraħ stess,  kien għadu kemm irrikordja sensiela ta' programmi tan-novelli biex jixxandru fuq RTK.
Manni Spiteri kien eks Ċermen ta' RTK.  Serva wkoll bħala membru fuq il-bord ta' RTK u l-Media Centre, kien konsulent għall-midja u membru fil-kumitat tat-TV Unit.
Kien ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-istazzjonijiet nazzjonali tar-radju u televiżjoni għal aktar minn 9 snin u kien inħatar l-ewwel Chairman u Direttur tal-kumpanija Public Broadcasting Services Ltd.
Tul il-karriera tiegħu bħala xandar professjonali u amministratur fil-midja, kien minn ta' quddiem fit-trawwim ta' kuxjenza nazzjonali fil-wirt ta’ pajjiżna u fl-esekuzjoni ta' xogħlijiet letterarji u drammatiċi bl-ilsien Malti fuq il-mezzi tax-xandir.
Fl-1999 inħatar membru fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu għas-servizzi tiegħu fil-qasam tax-xandir f'pajjiżna.
Sentejn ilu, Newsbook.com.mt kien intervista lil Manni Spiteri fl-okkażjoni tal-20 anniversarju mit-twaqqif ta' RTK.
Il-funeral se jsir nhar il-Ġimgħa li ġej fid-9.30 ta' filgħodu fil-knisja ta' Stella Maris f'Tas-Sliema.