Imut it-tieni tifel wara li jaqsam il-fruntiera tal-Istati Uniti

It-tfal immigranti se jibdew jiġu eżaminati aħjar medikalment wara li tifel ta’ 8 snin mill-Gwatemala miet fil-kustodja tal-uffiċjali Amerikani din il-ġimgħa. Felipe Gomez Alonzo u missieru kienu mxew sal-fruntiera bejn il-Messiku u l-Istati Uniti mill-Gwatemala bi tfittxija għal ħajja aħjar.

It-tifel kellu biss 8 snin u miet nhar it-Tnejn, ftit aktar minn ġimagħtejn wara tifla oħra ta’ 7 snin mill-Gwatemala li mietet fil-kustodja tal-uffiċjali Amerikani wkoll. 

Aġent Amerikan innota fl-24 ta’ Diċembru li t-tifel beda jisgħol u donnu għajnejh bdew ileqqu. Il-missier u l-iben ġew trasferiti għal sptar viċin, fejn instab li t-tifel kellu riħ u deni, iżda ħallewh joħroġ mill-isptar u tawh l-antibijotiċi. Imbagħad, it-tifel beda jirremetti, iżda missieru rrifjuta għajnuna medika għax ibnu kien qed iħossu aħjar. Ftit sigħat wara, it-tifel reġa’ beda jħossu mqalla’ u ttieħed lura l-isptar, fejn miet ftit wara.

Omm it-tifel qalet lill-kamra tal-aħbarijiet Reuters li tħossha ddisprata bil-mewt ta’ binha. Il-ġenituri tat-tifel talbu li ssir awtopsja malajr kemm jista’ jkun ħalli ġisem binhom ikun jista’ jittieħed lura l-Gwatemala. S’issa għadu mhux magħruf x’ikkawża dan il-mewt.

Gomez u missieru nqabdu mill-uffiċjali fit-18 ta’ Diċembru f’Texas, talli daħlu fl-Istati Uniti illegalment.

L-uffiċjali Amerikani qalu li beħsiebhom jagħmlu xi tibdiliet fil-policies tagħhom sabiex jevitaw li jmutu iżjed tfal meta jkunu fil-kustodja tagħhom. Dan billi t-tfal jibdew jiġu eżaminati mill-ewwel malli jittieħdu mill-uffiċjali, anke jekk il-ġenituri tagħhom ma jitolbuhomx biex jiġu eżaminati.