Imut is-sindku Pollakk li qala’ daqqiet ta’ sikkina

Reuters

Is-sindku tal-belt Pollakka Gdansk Pawel Adamowicz miet wara li safa attakkat b’sikkina ‘l bieraħ. Hu kien fuq il-palk waqt avveniment għall-karità meta seħħ il-każ, skont il-Ministru tas-Saħħa Pollakk.

Is-sindku popolari kien attakkat il bieraħ filgħaxija waqt avveniment nazzjonali għall-karità, il-Great Orchestra of Christmas li fih jinġabru miljuni ta’ fondi għall-apparat mediku fl-isptarijiet.

Raġel ta’ 27 sena li għandu kondotta maħmuġa kien arrestat b’rabta mal-każ. Il-Pulizija jaħsbu li huwa għamel użu mill-media pass biex għadda għall-palk. Il-filmati li dehru fuq it-televiżjoni lokali juru l-isuspettat li għadu kif ħareġ mill-ħabs, b’arma f’idu u jgħajjat.

Il-mexxej tal-partit fil-Gvern Jaroslaw Kaczynski qal li qtil ta’ Adamowicz huwa weġġħa kbira u esprima s-solidarjetà tiegħu mal-familja tas-sindku.

Il-President Pollakk Andrzej Duda se jkun qed jiltaqa’ mal-mexxejja tal-partiti politiċi llum biex tiġi organizzata dimostrazzjoni kontra l-vjolenza u l-mibgħeda wara dan l-attakk.

Adamowicz kien ilu sindku ta’ Gdansk mill-1998 u reġa’ kien elett is-sena l-oħra b’65% tal-voti.