Imut Chris Portelli, ir-raġel li waqa’ minn fuq sellum f’Delimara

Chris Portelli, ir-raġel li waqa’ minn fuq sellum waqt li kien fuq xogħol fl-impjant ta’ Delimara, miet wara ġimgħa jissielet għal ħajtu.

Fi stqarrija, il-Pulizija ħabbret li r-raġel li għandu 45 sena u joqgħod iż-Żejtun miet wara li waqa’ għoli ta’ madwar metru u nofs.

Chris ħalla warajh mara u żewġ ulied, kif ukoll komunità Żabbarija li sellmet il-memorja tiegħu. Huwa kien Żabbari, u kien attiv ħafna fil-każin tal-banda ta’ San Mikiel Għaqda Madonna tal-Grazzja.

B’sogħba kbira nħabbru l-mewt ta' seħibna Chris Portelli, soċi attiv, ex membru tal-Kummissjoni Żgħażagħ u tal-Kumitat…

Posted by Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar AD 1883 on Wednesday, January 2, 2019

Il-ġimgħa li għaddiet, l-istess każin tal-banda ħassar attività li kellu mħejjija b’rispett lejn Chris.

Nixtiequ ninfurnawkom li b'sinjal ta' rispett lejn wieħed minn sħabna li jinsab f'mument diffiċli u l-familja tiegħu, din l-attivita qed tiġi mħassra. Inħeġġukom titolbu għalih.

Posted by Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar AD 1883 on Thursday, December 27, 2018

Il-preżentatur Quinton Scerri, li huwa l-President tal-istess każin, sellem il-memorja ta’ Chris.

Kemm m'ahna xejn! Tislima lil Chris jew kif hafna jafuh bhala Salakki!Dik it-tbissima u s-sehem tieghek f'Haz-Zabbar ser jibqa' f'qalbna! Kuragg u kondoljanzi lill-familja Portelli!

Posted by Quinton Scerri on Wednesday, January 2, 2019

L-inċident ġara fis-26 ta’ Diċembru għall-ħabta tat-3pm. Fuq il-post issejħu l-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll ambulanza li ħaditu l-Isptar Mater Dei. Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella.