“Miet qassis li ta ħajtu għall-Knisja” – L-Arċisqof

Knisja.mt

Dalgħodu miet Mons. Arthur Said Pullicino li kien għal snin twal Vigarju Ġudizzjarju. Miet fl-età ta’ 85 sena. L-Arċisqof qal li kien bniedem li ta ħajtu għall-Knisja.

Huwa twieled Tas-Sliema u studja fil-Liċeo u s-Seminarju. Kompla l-istudji tiegħu f’Ruma fejn kiseb liċenzjat fit-teoloġija sagra u dottorat fil-liġi kanonika. Huwa ġie kkonsagrat qassis fl-1959.

Fl-1964, Mons. Said Pullicino ġie appuntat fl-uffiċċju taż-żwieġ fil-Kurja tal-Arċisqof, u sena wara nħatar segretarju tal-Kummissjoni Nazzjonali Liturġika. Huwa qatta’ disa’ snin fil-kariga ta’ segretarju fil-Kunsill tal-Qassisin. Serva wkoll bħala segretarju għall-Isqof Emmanuele Gerada.

Fl-1975 kien innominat kanċillier u sentejn wara viċi uffiċjal tat-tribunal metropolitan. Fl-1981 Mons. Said Pullicino laħaq vigarju ġudizzjarju u kappillan għall-Papa. Fl-1993, il-Vigarju Ġudizzjarju ġie nnominat prelat tal-unur għall-Papa u fl-1994 laħaq kanonku tal-Kapitlu tal-Katidral.

Huwa ppubblika wkoll diversi artikli tul ħajtu f’FORUM, l-organu uffiċjali tat-tribunal metropolitan.

Bniedem li ħabb lill-Knisja – l-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna ddeskriva lil Mons. Said Pullicino bħala bniedem li ħabb lill-Knisja u ta ħajtu għaliha fis-saċerdozju b’dedikazzjoni u b’determinazzjoni.

“Ħadem biex it-Tribunali tal-Knisja jitwaqqfu fis-sod u mexxa r-riforma liturġika fl-Ispirtu tal-Konċilju Vatikan it-Tieni. Bniedem ta’ libertà interjuri, ta’ lealtà kbira u ta’ kelma skjetta li ma tħarisx lejn l-uċuħ. Nitolbu għal ruħu filwaqt li nafdawh f’idejn il-Ħniena ta’ Alla,” qal Mons. Scicluna.