Imut il-Professur Anġlu Psaila

Imut Anġlu Psaila
Arkivji

Il-Professur Anġlu Psaila miet kmieni dalgħodu. Huwa kien kandidat tal-Partit Laburista (PL) f’bosta elezzjonijiet ġenerali u kien prominenti fil-mezzi tax-xandir b’mod partikulari fis-snin tmenin.

Psaila twieled fl-1937 f’Ħaż-Żabbar u kien professur tal-mediċina. Huwa serva wkoll bħala Viċi Direttur fid-Dipartiment tal-Mediċina fl-Università ta’ Malta.

Il-Professur Psaila ngħata ġieh ir-Repubblika fl-2013.

F’reazzjoni l-PL qal li l-Prof Psaila kien dedikat u tul is-snin eluf ta’ pazjenti u studenti tal-mediċina gawdew mit-tagħrif tiegħu.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne sellem il-memorja tal-mibki Anġlu Psaila waqt konferenza stampa dalgħodu. Il-Ministru qal li l-Prof. Anġlu Psaila għallmu li l-istudju tal-mediċina mhux l-istudju u l-kura tal-mard, imma tal-bniedem. Saret minuta ta’ silenzju b’rispett tal-memorja tal-Professur.

Il-Partit Nazzjonalista wkoll bagħat il-kondoljanzi tiegħu lill-familja tal-mibki Professur.