Imut il-President ta’ Tuneżija; L-Ispeaker u l-PN joffru l-kondoljanzi

FILE PHOTO: Tunisian President Beji Caid Essebsi holds a news conference at the Carthage Palace in Tunis, Tunisia, October 25, 2018. REUTERS/Zoubeir Souissi/File Photo

Beji Caid Essebsi, l-ewwel president ta’ Tuneżija li qatt kien elett b’mod demokratiku miet fl-età ta’ 92.

Huwa ddaħħal l-isptar il bieraħ iżda l-uffiċjali tal-pajjiż ma qalux xi trattament kien qed jirċievi.

Essebsi ġie elett wara l-elezzjonijiet ħielsa li saru fl-2014, wara mewġa ta’ protesti madwar pajjiżi Għarab.

Huwa ddaħħal l-isptar ix-xahar li għadda fejn kien qed isofri minn kriżi ta’ saħħa severa skont l-uffiċjali tal-pajjiż.

Sebat ijiem ta’ luttu nazzjonali ġew iddikkjarati fil-pajjiż wara li tħabbret il-mewt tiegħu.

Essebi li huwa avukat, kien il-fundatur ta’ Nidaa Tounes (l-Għajta tat-Tuneżija), partit sekulari fit-Tuneżija, li twaqqaf fl-2012.

L-Ispeaker u l-PN joffru l-kondoljanzi tagħhom lill-poplu Tuneżin

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia fi stqarrija esprima s-sobgħa tiegħu għall-mewt ta’ Essebsi. F’ittra mibgħuta lill-Ispeaker tal-Parlament Tuneżin Mohammed Ennacuer, l-Ispeaker qal li l-membri parlamentari Maltin jixtiequ joffru l-kondoljanzi tagħhom lill-familja tal-President kif ukoll lill-membri parlamentari Tuneżini.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija wkoll għadda l-kondoljanzi tiegħu lill-poplu Tuneżin. Il-PN sostna li mewta ta’ Essebi hi ta’ swied il-qalb għall-Mediterran kollu hekk kif dan kien l-ewwel president elett demokratikament.