Imut il-kittieb u akkademiku Oliver Friggieri

Aġġornat 06:52 PM
Oliver-Friggieri
Facebook - Kenneth Busuttil

Read in English.

Tħabbret il-mewt tal-kittieb u akkademiku tal-Malti Oliver Friggieri, li kellu 73 sena.

B'sogħba kbira nħabbar li Oliver Friggieri għadda għall-ħajja ta’ dejjem! Pilastru kbir fil-letteratura Maltija!! 😢

Posted by Ġmiel il-Pinna Maltija on Saturday, November 21, 2020

Friggieri twieled il-Furjana fl-1947, u studja l-Università ta’ Malta, fejn kiseb Baċellerat tal-Arti fil-Malti, Taljan u l-Filosofija fl-1968 u Masters fil-1975. Kompla l-istudji tiegħu mal-Università Cattolica del Sacro Cuore f’Milan, fejn kiseb Dottorat fil-Letteratura Maltija u fil-Kritika Letterarja.

Beda bħala għalliem tal-Malti fl-iskejjel sekondarji statali fl-1968, u beda jagħti lectures fl-Università ta’ Malta fl-1968, fejn laħaq professur fl-1990.

Ġgant tal-litteratura Maltija

Friggieri kien kittieb prolifiku bil-Malti f’ħafna ġeneri, u ħafna mill-kitbiet tiegħu nqalbu f’numru ta’ ilsna u nxterdu madwar id-dinja.

Mir-rumanzi tiegħu, x’aktarx l-aktar wieħed magħruf hu Fil-Parlament ma Jikbrux Fjuri, li ħareg fl-1986 u kien qanqal kontroversja politika kbira fi żmienu. Rumanzi oħrajn ta’ Friggieri jinkludu Ġiżimin li Qatt ma’ Jiftaħ u It-Tfal Jiġu bil-Vapuri.

Kien magħruf ukoll għall-poeżiji tiegħu, bil-poeżija Jekk magħrufa bis-saħħa tal-versi tagħha li jinstabu f’bus shelters madwar Malta.

Xogħlijiet oħrajn ta’ Friggieri jikludu Dizzjunarju ta’ Termini Litterarji u l-lirika ta’ numru ta’ xogħlijiet mużikali, inkluż l-ewwel oratorju li qatt inkiteb bil-Malti Pawlu ta’ Malta, b’mużika ta’ Charles Camilleri.

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni jsellmu l-memorja ta’ Friggieri

Il-Gvern ta’ Malta sellem il-memorja ta’ Friggieri, li ġie deskritt bħala “wieħed mill-ikbar awturi li qatt kellu pajjiżna,” magħruf f’Malta u internazzjonalment.

Friggieri ġie deskritt ukoll bħala “patrijott Malti li ħabb u ċċelebra l-identità Maltija.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ukoll kellu kliem ta’ tifħir għal Friggieri.

“Pajjiżna llum tilef kittieb prolifiku mill-aqwa, awtur ta’ numru kbir ta’ kotba ppubblikati f’Malta u f’diversi pajjiżi barranin f’diversi lingwi,” qal Grech. “Ix-xogħol letterarju li ħallielna Friggieri u l-ħidma tul is-snin b’risq l-ilsien Malti huma l-aqwa wirt ta’ ħajtu u ħidmietu.”

Insellem il-memorja ta’ Oliver Friggieri li kien ġgant tal-letteratura Maltija. Pajjiżna llum tilef kittieb prolifiku…

Posted by Bernard Grech on Saturday, November 21, 2020

L-Għaqda tal-Malti wkoll sellmet lil Friggieri, b’tifkira ta’ meta kien laqagħhom f’daru s-sena l-oħra:

L-aħbar li Prof. Oliver Friggieri ħalliena ħasditna lkoll. Is-sena li għaddiet, Prof. Friggieri laqagħna f'daru, fejn…

Posted by Għaqda tal-Malti on Saturday, November 21, 2020

L-eks studenti tiegħu jinkludu l-kunsillier Furjaniż James Aaron Ellul, li ħabbar li ppreżenta mozzjoni biex triq f’Balzunetta tkun imsemmija għal Friggieri, u li titwaħħal irħama mal-post fejn għex.

Għadni kemm preżentajt mozzjoni biex fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Lokali tal-Floriana tiskatta l-ħidma biex triq f'…

Posted by James Aaron Ellul on Saturday, November 21, 2020

‘Ritratt li ma ridtx inpinġi’ – Ġorġ Mallia

Eks student ieħor ta’ Friggieri hu l-lettur, kittieb u kartunista Ġorġ Mallia, li sikwit isellem il-memorja ta’ persunaġġi notevoli billi jpinġi ritratt tagħhom.

Però żied jgħid li dan kien “ritratt li ma ridtx inpinġi. Hu mpinġi bid-dieqa, mhux bil-linka.”

Qal li Friggieri kien ilu jiggwidah minn meta kellu 18-il sena u beda jistudja l-letteratura, u li għalkemm kienu ilhom kollegi kwart ta’ seklu, għalih Friggieri dejjem kien l-għalliem u hu kien l-istudent.

“Kliemu dejjem tellgħuni f’livelli li moħħi waħdu ma kienx jasal għalihom,” kiteb Mallia.

This is a portrait I did not want to draw. This is drawn in sadness, not in ink, in heartrending grief. He was my mentor…

Posted by Ġorġ Mallia on Saturday, November 21, 2020