Awdjo: Imut il-Kardinal Malti Prospero Grech

Aġġornat 06:59 PM

Il-Kardinal Malti Prospero Grech, li proprju lejlet il-Milied iċċelebra għeluq l-94 sena, miet kmieni wara nofsinhar f’Ruma. 

L-ewwel kumment mill-Arċisqof Scicluna:

Il-Kardinal Grech twieled fl-24 ta’ Diċembru 1925, jifforma parti mill-Ordni Agostinjan u kien wieħed mill-fundaturi tal-Istitut Patristiku Agostinjan f’Ruma. 

Kien l-Istituto Patristico Augustinianum ta’ Ruma li ħabbar fuq il-mezzi soċjali l-aħbar li kien miet il-Kardinal Grech li kien ewwel President tal-Istitut. Fi Frar ta’ 8 snin ilu, il-Papa Emeritu Benedittu XVI kien ħatru bħala t-tieni kardinal Malti.  

Patri Grech mhux minn dejjem ried jingħaqad ma’ ordni reliġjuż.  Wara li fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija kien serva tliet xhur fl-Army, kien beda l-kors tal-mediċina fl-Università ta’ Malta.  Kien sena wara, fl-1943, li ddeċieda li jidħol mal-Patrijiet Agostinjani  Il-Kardinal Prospero Grech ħadem f’diversi universitajiet barra minn Malta, f’kummissjonijiet Pontifiċji u kien ukoll Konsultur tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi. 

L-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex sellmu l-memorja tal-Kardinal Grech, u sejħulu bħala “reliġjuż għaref u dħuli, b’sens kbir ta’ umoriżmu u ta’ umanità”. L-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Mario Grech u l-Isqof Joseph Galea-Curmi wasslu l-kondoljanzi tagħhom lill-qraba tal-Kardinal Prospero u lill-familja reliġjuża Agostinjana kollha, filwaqt li jħeġġu lill-Insara kollha joffru talb ta’ suffraġju għal ruħu.

L-Arċisqof Charles Scicluna fuq Twitter sellem ukoll lill-Kardinal:

Intant, kemm il-Partit Laburista kif ukoll il-Partit Nazzjonalista sellmu l-memorja tal-Kardinal Grech. Il-PL qal li se jibqa’ magħruf għall-għerf tiegħu u l-isem li għamel għalih u għal Malta. Fakkar li kellu sehem ukoll “favur il-paċi fis-snin iebsa tad-dnub il-mejjet”. Il-Partit Nazzjonalista ta l-kondoljanzi tiegħu lill-qraba u l-għeżież tiegħu.