Imut il-Ġiżwita Fr Lino Cardona waqt li kellu l-Covid-19

Pope Francis Fr Lino Cardona

Read in English.

Il-Ġiżwiti ħabbru l-mewt ta’ Fr Lino Cardona Ġizwita li miet illum waqt li kien pożittiv għall-Covid-19.

Fuq il-paġna ta’ Facebook il-Ġiżwiti spjegaw li Fr Lino għamel swab test u ħareġ pożittiv għall-Covid-19 fis-26 ta’ Ottubru u tttieħed l-isptar Mater Dei fit-Taqsima tal-Kura Intensiva minħabba li kellu bżonn il-ventilator. Huwa miet illum waranofsinhar.

Il-funeral ta’ Fr Lino se jsir għada l-Ġimgħa fl-10.30am fil-Knisja Parrokjali tan-Naxxar.

Fr Lino twieled f’Birkirkara fil-5 ta’ Lulju, 1944. Mill-1954 sal-1961 ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi f’Birkirkara u attenda s-Soċjetà tad-Duttrina Kristjana.

Fis-7 ta’ Diċembru beda n-novizjat tiegħu fid-Dar Loyola fin-Naxxar u fit-8 ta’ Diċembru, 1963 ħa l-ewwel voti tiegħu. Huwa għamel sentejn jistudja l-Filosofija f’N. Aurora, Illinois, fl-Istati Uniti tal-Amerka u ġab Baċellerat tal-Arti fil-Filosofija u s-Soċjoloġija mill-Università ta’ Loyola f’Chicago.

Fr Lino ġie ordnat saċerdot fit-2 ta’ Lulju, 1972 mill-Arċisqof Michael Gonzi.

Fl-1973 huwa beda jgħallem fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi.

Fost l-irwoli li kellu huwa kien jieħu ħsieb il-kappella pubblika li hemm fil-kulleġġ kif ukoll il-ħanut tal-kotba. Fl-1993, Fr Lino inħatar koordinatur reliġjuż tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi.

Fl-2003 huwa mexa għal Dar Loyola fin-Naxxar u ġie appuntat bħala t-teżorier u l-konsulent tad-dar. Huwa kien inkarigat mis-Santwarju tal-Madonna tat-Triq.