Imut Ian Mitchell ta’ Bay City Rollers

Ritratt: Facebook/BayCityRollers

Il-grupp Bay City Rollers ikkonferma l-aħbar li wieħed mill-membri tal-grupp tagħhom, Ian Mitchell miet. Huwa kellu 62 sena.

Ian kien ingħaqad mal-band fl-1976 meta kellu 17-il sena. Kien daħal flok Alan Longmuir. Mitchell però kien telaq minn mal-grupp seba’ xhur wara.

Mal-Bay City Rollers, Ian kien irrekordja album wieħed biss, Dedication, fl-1976. Kellu wkoll suċċess bil-cover version tal-kanzunetta I Only Want To be With You ta’ Dusty Springfield. Il-diska kienet telgħet fit-12-il post tal-klassifika Amerikana.

Wara li hu telaq minn mal-Bay City Rollers, minfloku kien daħal il-kitarrist Pat McGlyn.

Il-membri tal-grupp Bay City Rollers sellmu l-memorja ta’ Ian filwaqt li wasslu l-kondoljanzi tagħhom lil Wendy, mart Ian, u l-qraba tagħhom.