Imut ħaddiem li għen isalva 12-il tifel minn għar fit-Tajlandja

Membru mit-tim ta’ salvataġġ li rnexxielhom isalvaw 12-il tifel u l-kowċ tal-futbol tagħhom meta dawn inqabdu ġo għar fit-Tajlandja s-sena li għaddiet miet minn infezzjoni li laqqat waqt din il-ħidma.

Il-BBC irrapporta li l-Uffiċjal mal-Flotta Tajlandiża Beirut Pakbara qabditu infezzjoni waqt li kien qed jaħdem ma’ sħabu biex isalvaw lit-tfal u lill-kowċ mill-għar Tham Luang.

Huwa kien qed jikseb kura għal din l-infezzjoni, imma mar għall-agħar ilbieraħ u tilef ħajtu. Saman Gunan, ħaddiem ieħor, ukoll kien tilef ħajtu waqt li kien qed jipprova jsalva lill-vittmi, peress li kien intilef minn sensih minħabba nuqqas ta’ arja. Mad-daħla tal-għar, twaqqfet statwa biex tfakkar il-memorja tiegħu.

Beirut Pakbara ndifen nhar il-Ġimgħa stess fil-provinċja Satun f’ċerimonja skont ir-ritwali Iżlamiċi.

Fit-23 ta’ Ġunju tal-2018, il-membri tat-tim tal-futbol Wild Boars, li kellhom bejn 11 u 16-il sena, kienu qegħdin jesploraw l-għar Tham Luang mal-kowċ tagħhom ta’ 25 sena, meta kien hemm għargħar u nqabdu ġol-għar. Huma qattgħu ġimagħtejn maqbudin ġo fih.