Imut Ġiżwita ieħor bil-coronavirus

Fr-Eddie-Mercieca

Il-Ġiżwita Fr Eddie Mercieca tilef ħajtu waqt li kellu l-coronavirus.

Dan tħabbar mis-Soċjetà tal-Ġiżwiti f’Malta fuq il-paġna tagħhom fuq Facebook.

Huma spjegaw li Fr Eddie għamel swab test fit-8 t’Ottubru u hemm instab li għandu l-virus u ttieħed l-isptar. Huwa miet il-lejl li għadda fl-età ta’ 80 sena.

B’hekk dan hu t-63 vittma tal-coronavirus f’Malta, għalkemm il-mewt tiegħu għadha ma tħabbritx uffiċjalment mill-Ministeru tas-Saħħa.

Fr Eddie kien minn Ħal Tarxien. Hu ngħaqad mas-Soċjetà fl-1959. Kien missjunarju fiċ-Ċilì mill-1963 sal-2004, fejn okkupa diversi karigi fil-kulleġġi. Ġie ordnat qassis fl-1972 mill-Arċisqof Mikiel Gonzi. Fl-2004, imbagħad, issejjaħ Ruma fejn ingħata l-irwol li jippromwovi l-Ispiritwalità Injazjana, u b’dan ix-xogħol siefer f’aktar minn 30 pajjiż biex jagħti seminars u workshops.

Fl-2013 ġie lura Malta, fejn qatta’ xi snin f’Mount St Joseph Retreat House fil-Mosta, fejn kien Direttur. Minħabba saħħtu, fl-2015 ingħaqad mal-komunità f’Loyola House fin-Naxxar.

Sadly, this evening, another of our dear companions, Fr Eddie Mercieca SJ, also left this world to meet the Lord whom he…

Posted by Jesuits in Malta – Euro-Mediterranean Province on Saturday, October 31, 2020