Imut ġgant Għawdxi fil-mużika

Il-Mro Joseph Vella, deskritt bħala l-ġgant tal-mużika Maltija, miet il-Ħadd filgħaxija għall-ħabta tas-6.30pm ta’ filgħaxija wara li ħassu ħażin. Huwa kellu 76 sena.
Is-Sibt filgħaxija, fil-mużew Il-Ħaġar fir-Rabat, Għawdex ġie inawgurat arkivju mużikali li l-Maestro Vella ta b’donazzjoni lill-Fondazzjoni f’għeluq il-ħames snin mill-ftuħ tal-mużew.
Kienu diversi li kkummentaw dwar il-mewt għall-għarrieda tal-Professur Joseph Vella b’uħud jgħidu li Malta u Għawdex tilfu pilastru fix-xena mużikali.
Il-Kuratur tal-Mużew il-Ħaġar u eksarċipriet tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ, Monsinjur Joseph Farrugia sejjaħ lil Joseph Vella bħala “ġgant tal-kultura Maltija”.
Anke s-Sindku tal-Belt Victoria Samuel Azzopardi sejjaħlu bħala “ġgant ta’ beltna”. Qal li l-mewt tiegħu kellha sseħħ ”propju l-għada tal-ġest nobbli fejn ħalla l-arkivju mużikali tant importanti tiegħu għat-tgawdija u studju tal-komunità u riċerkaturi”.
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella sellmet il-memorja tal-Professur Joseph Vella, li kien Surmast Direttur tagħha għal dawn l-aħħar 48 sena. Iż-żgħażagħ tal-istess Soċjetà fakkru lil Vella wkoll għar-repertorju ta’ marċijiet brijużi u funebri li bihom żejjen lis-Soċjetà Filarmonika La Stella.
Inħatar bħala l-ewwel direttur residenti tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali u għal żmien twil kien ukoll Surmast Direttur tal-Banda Konti Ruġġieru, u resident fir-Rabat, Malta. 
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana fi stqarrija qalet li wasslet il-kondoljanzi lill-familja Vella. Fl-istess waqt hija ddeskriviet lil Joseph Vella bħala "ikona mużikali kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fix-xena internazzjonali".

Ir-ritratt ittieħed is-Sibt li għadda waqt l-inawgurazzjoni tal-arkivju mużikali fil-Mużew il-Ħaġar.
Ritratt: MGOZ