Imut fuq fommu l-abbozz ta’ estradizzjoni f’Ħong Kong

Il-mexxeja ta’ Ħong Kong Carrie Lam qalet li l-abbozz ta’ liġi ta’ estradizzjoni li wassal għall-akbar kriżi politika fl-aħħar għexieren ta’ snin, miet fuq fommu, u ammettiet li x-xogħol tal-gvern fuq din il-liġi kien “falliment totali”.

L-abbozz, li kien jagħti permess li n-nies f’Hong Kong jintbagħtu lejn iċ-Ċina biex jidhru quddiem il-qorti Ċiniża, qajjem protesti kbar fit-toroq.

F’nofs Ġunju, Lam wieġbet għall-protesti kbar billi ssospendiet l-abbozz, iżda issa f’konferenza tal-aħbarijiet qalet li l-pjan li kien hemm twaqqa’ u mhux se jkun qed isir.