Aġġornata: Imut fundatur ta’ Dar il-Kaptan

Miet wieħed mill-fundaturi ta’ Dar il-Kaptan.
Marcel Pisani, li miet fl-età ta’ 66 sena, ħadem ħafna għall-persuni b’diżabilità, fosthom b’servizz f’ Dar il-Kaptan bil-għan li joffri serħan il-moħħ u  jagħti għajnuna lill-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità.
Hu ġie deskritt minn membri ta’ Dar il-Kaptan bħala “Raġel kbir b'qalb tad-deheb li ħadem sa l-aħħar nifs ta' ħajtu għal persuni b'diżabilità.”
Fl-2013 Marcel, flimkien ma’ martu, ingħata l-Premju Dun Mikiel Azzopardi waqt kunċert organizzat mill-RTK4Charity-Dar tal-Providenza fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl-Imdina.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana sellmet il-memorja ta’ Pisani u  ħeġġet biex aktar ċittadini jitgħallmu mill-eżempju tiegħu u jagħtu s-sehem tagħhom b’impenn fil-ħidma volontarja tant meħtieġa biex is-soċjetà Maltija żżid tħabrek għas-solidarjetà umana.
Il-Partit Nazzjonalista jsellem lil Marcel Pisani
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-ħidma ta' Marcel Pisani f’diversi entitajiet kienet kruċjali biex familji ta’ persuni b’diżabilità jingħataw l-aqwa għodda għat-trobbija ta’ uliedhom.
Il-PN qal, kif fost l-oħrajn, Marcel Pisani mexxa l-Għaqda Nazzjonali Ġenituri ta’ Persuni b’Diżabilità, ħadem u kien strumentali, flimkien ma’ oħrajn f’Dar il-Kaptan, kif ukoll kien l-ewwel Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport.