Imut Frans Fenech, magħruf għall-kanzunetta Baby Ġoġo

Tħabbret il-mewt ta’ Frans Fenech fl-età ta’ 89 sena. Matul is-snin Fenech ta kontribut lix-xena mużikali Maltija u fost il-kanzunetti popolari tiegħu niftakru Baby Ġoġo, li biha kien kklassifika fit-tielet post tal-festival tal-1963.

Frans kien ipparteċipa f’bosta edizzjonijiet tal-Festival tal-Kanzunetta għall-Ewropa u kif hemm indikat anke fil-ktieb biografiku tiegħu Lilek Illum anki kien “imċanfar” talli kien saħansitra għażel li jkanta bil-Malti.

Wara Baby Ġoġo. Frans baqa’ jieħu sehem fil-festival u fis-sena ta’ wara ġie fit-tieni u fit-tielet post waqt li fl-1965 rebaħ il-festival bil-kanzunetta Lilek Illum.

Frans kien ukoll strumentali biex Malta terġa’ tibda tieħu sehem fil-festival tal-Eurovision wara li pajjiżna kien waqaf jipparteċipa għal bosta snin. Kien ħadem biex Malta tipparteċipa fl-edizzjoni tal-1990 imma minħabba fiċ-ċirkostanzi li kienu nqalgħu, is-sehem ta’ Malta fil-Eurovision reġa’ beda fl-1991, dak iż-żmien bil-kanzunetta Could It Be ta’ Paul Giordimaina u Georgina.

Għal bosta snin Frans kien ukoll membru fil-kumitat tal-festival Malta Song For Europe.

Strieħ fis-sliem Frans!