“Mons. Charles Vella kien vulkan ta’ ideat u enerġija”

Dr Arthur Galea Solomone, il-President tal-Moviment ta’ Kana ddeskriva lill-Monsinjur Charles Vella, li miet kmieni dalgħodu fl-età ta' 89 sena, bħala vulkan ta’ ideat u enerġija.
Waqt il-programm Newsline, fuq RTK103FM, Dr Galea Solomone kompla jgħid li minkejja l-età avvanzata tiegħu dejjem baqa’ żagħżugħ, frisk fl-ideat.
Galea Solomone semma kif Mons Vella kien għalih ukoll ħabib, minkejja d-differenza fl-età, minħabba ’l fatt li dejjem baqa’ attiv fis-soċjetà, u kien jirnexxielu jantiċipa ż-żminijiet u t-temi soċjali qabel ma jibdew jiġu diskussi.
Min kien il-Mons. Vella?
Mons. Vella jibqa' l-aktar magħruf bħala l-fundatur tal-Moviment ta’ Kana, li beda fl-1954, fl-istess sena meta kien ordnat Qassis f’Ruma.
Il-Moviment ta’ Kana jħejji lill-koppji għaż-żwieġ Nisrani, kif ukoll joffri numru ta' servizzi ta' councelling fosthom lil dawk li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet fiż-żwieġ u fil-familja.
Mons. Vella għamel ħajtu jissielet sabiex isib metodi ta’ kif jissaħħu l-familji u għal tul ta’ żmien kien involut fix-xena internazzjonali fil-ħidma soċjali mal-familji, speċjalment f’pajjiżi sottożviluppati bħall-Kenja, il-Filippini u l-Indja.
Mons. Vella kien għamel xi żmien ukoll iservi bħala d-Direttur taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Istudji tal-Familja f’Milan.
Għal xi snin serva wkoll lokalment bħala konsulent għall-Ministeru għall-Familja.
X'qed jgħidu n-nies fuq it-telfa ta' Mons. Vella?
L-Arċisqof ta' Malta, Charles Scicluna, fakkar ix-xogħol siewi tal-Monsinjur fuq Twitter.

Il-President ta' Malta, Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjatu talli serva bħala gwida għal bosta familji.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li d-dinja tilfet persuna intelliġenti u ta' qalb tajba.

Wħud li b'xi mod jew ieħor ħadmu miegħu, insisitew li kien ta' sapport u kuraġġ kbir għalihom u għall-karrieri tagħhom.

Titkellem ukoll il-familja Kana.

Il-Membru Parlamentaru Nazzjonalista, Simon Busuttil sostna li Mons. kien mexxej ta' spirazzjoni