Imut Felice Gimondi; il-leġġenda taċ-ċikliżmu Taljan

Il-leġġenda taċ-ċikliżmu Taljan Felice Gimondi, wieħed mis-seba’ ċiklisti li rnexxielu jirbaħ it-tliet Grand Tours, miet fl-età ta’ 76 sena. Gimondi sofra minn attakk tal-qalb waqt li kien qed jgħum fi Sqallija nhar il-Ġimgħa.

Hu rnexxielu jirbaħ it-Tour de France lura fl-1965 fl-ewwel staġun tiegħu bħala ċiklist professjonali fl-età ta’ 22 sena. Billi rnexxielu jirbaħ ukoll il-Giro d’Italia fl-1967 u l-Vuelta a Espana fl-1968, hu sar it-tieni persuna wara Jacques Anquetil li rebaħ it-tliet Grand Tours.