Filmat: Imut Fabrizio Frizzi “parti ewlenija mill-istorja tar-Rai”

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=hCWqNAkRnTM]

Miet Fabrizio Frizzi, preżentatur Taljan li kien famuż ferm u maħbub mit-Taljani, li dan l-aħħar kien qed jidderieġi l-programm fuq ir-Rai, L’Eredità.
Kienet familtu li ħabbret mewtu, li qalet li Frizzi miet fl-Isptar ta’ Sant’Andrea f’Ruma, wara emoraġija.
Jidher li l-problemi f’saħħtu kienu ilhom ġejjin, fil-fatt f’Ottubru li għadda kellu jiddaħħal l-isptar minħabba skemija f’qalbu, jiġifieri ma wasallux biżżejjed demm lejn il-muskolu tal-qalb.
Fi Frar li għadda Frizzi għalaq 60 sena, u 40 minnhom qattagħhom fir-Rai, l-istazzjon li fih kien beda l-karriera fit-televiżjoni lura għall-1980 meta kien għad kellu 20 sena, bil-programm Il barattolo.
Fost il-programmi li tawh isem mal-poplu Taljan wieħed isib Scommettiamo che, Europa Europa, Luna park u Telethon, maratona tal-karità.
Barra minn hekk Frizzi għamel 15-il sena jidderieġi Miss Italia, u għal min ra Toy Story, il-vuċi tal-cowboy bit-Taljan hi tiegħu.
Fl-ewwel kummenti tagħha lill-pubbliku, ir-Rai qalet li ma’ mewtu ntfiet biċċa ewlenija mill-istorja tal-kumpanija televiżiva.